Aħbarijiet Supporting organizations FAQ Contact Malti Close

B’din l-inizjattiva qed tintalab l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jipprevedi l-permess tad-dritt tal-awtur, id-drittijiet relatati u d-dritt sui generis tal-iżviluppatur ta’ bażijiet tad-data għall-persuni fiżiċi li jaqsmu files peremzz ta' networks diġitali għall-finijiet personali u mingħajr skop ta’ qligħ.

Il-kondiviżjoni tal-files bdiet fl-1999 bin-Napster u matul iż-żmien bis-saħħa tat-teknoloġiji rajna l-kondiviżjoni distribwita (jew bejn il-pari) tal-files b’modi aktar effiċjenti (Gnutella, Freenet, BitTorrent, eċċ.).

Sa mill-bidu l-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur kienu kontra l-użu tat-teknoloġiji ta’ kondiviżjoni għal xogħlijiet u materjali oħra protetti bid-dritt tal-awtur, bid-drittijiet relatati max-xogħlijiet u bid-dritt sui generis tal-iżviluppatur tal-bażi tad-data u llum il-liġi hi sostanzjalment konformi max-xewqat tagħhom.

Imma tibqa’ miftuħa mistoqsija: huwa ġust li d-dritt tal-awtur, id-drittijiet relatati u d-dritt sui generis tal-iżviluppatur tal-bażijiet tad-data jipprojbixxu l-kondiviżjoni tax-xogħlijiet u materjali oħra?

Id-dritt tal-awtur, id-drittijiet relatati u d-dritt sui generis tal-iżviluppatur tal-bażijiet tad-data għandhom jiffavorixxu t-tixrid tal-kultura, l-innovazzjoni u l-progress soċjali.

Il-liġi li hemm bħalissa, li ma tħallix il-kondiviżjoni tal-files li jinkuludu xogħlijiet u materjali oħra protetti bid-dritt tal-awtur, bid-drittijiet relatati u bid-dritt sui generis tal-iżviluppatur tal-bażijiet tad-data, tikkawża sagrifiċċju kbir lil-libertà tax-xjenza u tal-kultura prevista fl-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Is-suġġett għadu rilevanti llum, wara l-approvazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali.

Id-Direttiva għandha effett paradossali: l-Artikolu 17 jaġevola l-fornituri tas-servizzi ta’kondiviżjoni tal-kontenut online f’li jiksbu awtorizzazzjoni biex ixerrdu l-kontenuti protetti bil-liġi u għalhekk tiffavorixxi s-sehem tagħhom ta’ intermedjarji privileġġati u l-prattiċi tagħhom ta’ kontroll tekniku u ta' profilazzjoni taċ-ċittadini; madanakollu l-kondiviżjoni tal-files, mhix permessa.

B’din l-inizjattiva qed jintalab li jingħata l-permess direttament liċ-ċittadini biex jaqsmu permezz tan-networks bejn il-pari sabiex ikun jista' jkollhom aċċess għax-xjenza u għall-kultura mingħajr ma jiġu kkontrollati u pprofilati: att leġiżlattiv tal-UE li jagħti dan id-dritt ikun kompatibbli perfettament mal-leġiżlazzjoni internazzjonali jekk is-sidien tad-drittijiet jirċievu kumpens ekwu.

Hemm bżonn li npoġġu l-persuni u d-drittijiet fundamentali fil-qalba tal-għażliet politiċi u leġiżlattivi u għalhekk jinbidlu r-regoli li jirregolaw il-kondiviżjoni tal-files li fihom xogħlijiet u materjali protetti bid-dritt tal-awtur, bid-drittijiet relatati u bid-dritt sui generis tal-iżviluppatur tal-bażi tad-data biex jintuża l-potenzjal tal-libertà u l-iżvilupp soċjali, kulturali u ekonomiku offrut min-networks diġitali.